35 għawwiem imorru Sqallija għal Training Camp

Saturday, September 24, 2016, 16:26

Gavin Muscat

35 għawwiem ta’ Sirens ASC f’Settembru marru Sqallija għal Training Camp ta’ taħriġ intensiv  f’kumpless sportiv ġdid f’Torre del Grifo.

Mexxa t-taħriġ Grant Kritzinger, il-coach Sud Afrikan frisk mill-Olimpijadi ta’ Rio fejn ħadem mal-World Champion Cameron van de Burgh u oħrajn.  Jgħinuh kellu lil Head Coach Craig Gibbons u tim ta’ 9 coaches ta’ Sirens fosthom Nikki Muscat, l-għawwiem Olimpiku Malti.Taħt is-superviżjoni tiegħu l-atleti ħadu sehem fi programm dettaljat, ippreparat minn qabel, ta’ ezerċizzi fil-pool kif ukoll fuq l-art.

Matul ġimgħa sħiħa l-iskwadra għamlet użu tajjeb miż-żewġ pools ta’ dan il-villaġġ sportiv ġdid qrib Catania.  Kuljum kellhom sagħtejn taħriġ fil-pool, wara eżerċizzi fuq l-art u stretching, wiri ta’ videos ta’ kull għawwiem, seminar, workshops dwar tħejjijiet mentali u diskussjoni dwar l-attivitajiet tal-ġurnata.

‘Din is-sena kellna preseason training tajjeb ħafna,’ qalilna Craig Gibbons, ‘imma din il-ġimgħa ridna nibnu mill-ġdid strokes aktar perfetti.  Kull għawwiem, żgħir jew kbir,ried jisforza aktarsew fil-gym, fil-pool jew fit-tnejn. Bla dubju kellna ġimgħa impenjattiva ħafna, diffiċli imma huwa ta’ sodisfazzjon tara li kollha kemm huma urew titjib.  U dan bla dubju jawgura tajjeb għal Sirens.’

Wieħed mill-għawwiema ddeskriva din l-esperjenza bħala l-aktar waħda iebsa li għadda minnha.  “Xi waqtiet bżajt li ma nagħmilhiex.  Kont inħossni se nirremetti.  Imma kuntent li għamiltha.  U bla dubju, inħossni aħjar anki mentalment.’

Mhux taħriġ iebes ma jaqta’ xejn biss kien hemm.  Kien hemm attivitajiet li joħolqu atmosfera sabiħa għal grupp kollu.  Kien hemm xi ħin ukoll għal zjarat għal Mt Etna u għal Etna Land Water Park.





Leave a comment