300 persuna se jieħdu sehem f’maratona ta’ 34 siegħa Abseiling b’risq id-Dar tal-Providenza

Friday, November 22, 2013, 9:21

Tliet mitt persuna se jieħdu sehem f’Maratona ta’ 34 siegħa Abseiling organizzat mill-iscouts tal-Mosta b’kollaborazzjoni ma’ RTK4Charity. Dan se jsir fuq il-pont tal-Mosta bejn is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ Novembru 2013 kollox b’risq id-Dar tal-Providenza.  Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Sur Edward Vella, mill-Grupp tal-Iscouts tal-Mosta li qal ukoll li f’din l-attività se jkunu qed jieħdu sehem mal-ħamsa w għoxrin voluntier biex jgħinu fl-organizzazjoni  u t-tmexxijja tagħha.  Huwa fakkar li fl-edizzjonijiet ta’ din il-maratona kienet inġabret is-somma ta’ €7,000 għad-Dar tal-Providenza.  Il-flus li se jinġabru din is-sena se jiġu ppreżentati waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata fl-ewwel tas-sena mill-RTK4Charity u d-Dar tal-Providenza.

 

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar qal li maratona bħal din hija aprrezzata ħafna kemm għax tirrifletti l-appoġġ tas-soċjeta Maltija għall-ħidma tad-Dar tal-Providenza kif ukoll għax se tgħin biex jinġabru l-fondi meħtieġa biex id-Dar tkun tista’ tkompli din il-ħidma u ttejjibha.

 

Dr Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, qal li attivitajiet bħal dawn għandhom ikunu inkoraġġuti aktar, filwaqt li rringrazzja ukoll lid-Dar tal-Providenza u l-istazzjon RTK tax-xogħol siewi li jagħmlu.

 

Is-Sur Robert Cutajar, Shadow Minister tal-Oppożizzjoni, ħeġġeġ biex aktar persuni jieħdu sehem f’din il-maratona u qal li anke meta kien Sindku tal-Mellieħa ra kif għen lid-Dar tal-Providenza.

 

Dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem f’din il-maratona se jkunu mitluba jagħtu donazzjoni ta’ €12 matul il-ġurnata jew donazzjoni ta’ €6 matul il-lejl. Kull min se jipprateċipa se jingħata t-taħriġ meħtieġ kif ukoll l-għażla li jixxabbat mal-ħajt tal-pont jew ma’ waħda mill-arkati f’dik li tisejjaħ free fall.

Kull min jixtieq jieħu sehem  jew irid aktar informazzjoni jista’ jċempel fuq 7970724 jew 99233207

 

 

 

 

 

 





Leave a comment