3 deheb u 6 bronż mirbuħa minn pajjiżna fis-‘Small Nations Cup’ tal-‘bowling’

Monday, March 20, 2017, 21:12

Gavin Muscat

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius jifraħ lit-team Malti tal-bowling għas-suċċess li kiseb fl-ewwel edizzjoni tas-Small Nations Cup li saret f’San Marino.

Malta rnexxielha tirbaħ tliet midalji tad-deheb u sitta tal-bronż. It-team rebaħ il-Mixed Team Event wara li fil-finali għeleb lil Ċipru. Sue Abela u Justin Caruana Scicluna rnexxielhom jirbħu l-midalja tad-deheb fil-Mixed Doubles. Il-midalja tal-bronż f’din il-kategorija ntrebħet ukoll minn pajjiżna permezz ta’ Sara Xuereb u ta’ Mauro Anastasi. It-tielet midalja tad-deheb intrebħet minn Sara Xuereb fil-Masters. Tlieta mill-erba’ midalji tal-bronż li setgħu jintrebħu f’din il-kategorija ntrebħu wkoll minn pajjiżna permezz ta’ Sue Abela, ta’ Justin Caruana Scicluna u ta’ Mauro Anastasi.

Iż-żewġ midalji l-oħra tal-bronż intrebħu fiż-żewġ kategoriji tad-Doubles (il-kategorija tal-irġiel u l-kategorija tan-nisa).

Bħal kull assoċjazzjoni sportiva, it-team Malti tal-bowling isib sostenn minn SportMalta u mis-Segretarjat Parlamentari. Din hi assoċjazzjoni oħra mmexxija minn voluntiera li jaħdmu bla waqfien biex l-isport tal-bowling jimxi ‘l quddiem. Il-voluntiera fl-isport kienet waħda mit-temi diskussa fil-laqgħat li Malta organizzat f’pajjiżna b’relazzjoni mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Parlamentari jestendi l-awguri tiegħu lill-President tal-Malta Ten Pin Bowling Association u lill-coach, kif ukoll lil dawk kollha wara dan is-suċċess.





Leave a comment