24 SENA TA’ TLIELAQ IMTELLA’ MILL-KLABB PEMBROKE ATHLETA

Friday, March 23, 2018, 10:54

Appuntament annwali ieħor fl-atletika Maltija se jsir nhar il-Ħadd 8 t’April, bl-24 edizzjoni tal-Pembroke-Swieqi Road Races.  L-applikazzjonijiet għal dan l-avveniment diġa qabbdu rittmu sew, wara promozzjoni sfieqa li saret fil-Maratona ta’ Malta u mal-25 skola, kemm dawk Privati, Governattivi u tal-Knisja, Sport Malta u fil-Klabbs tal-Atletika.

It-tigrija ta’ 10km tista’ tkun l-isfida tal-korsa, li tkopri kemm il-ftuh tax-xagħri u arja tal-baħar kif ukoll żoni urbani.  Hemm it-tiġrija ta’ 5 km, forsi għal dawk ġodda għall-isport fit-tul.  Din it-tiġrija tibda fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu segwita  minn dik tal-10km.  Wara tibda il-Mixja (Walkathon) twila 7 km. Din issir bit-tama li  tħajjar in-nies jkun aktar attivi, allura aktar sani u kapaċi jgawdu aktar il-ħajja.

Se ssir ukoll FUN RUN intiża biex il-ġenituri mat-tfal tagħhom jieħdu pjaċir jagħmlu ġirja flimkien. Din il-FUN RUN twila biss 1200 metru u tibda fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu. Qabel il-FUN RUN fl-għaxra ta’ filgħodu jkun ġirja ta’ 3km maqsuma f’żewġ taqsimiet għal tfal li jkollhom 12 u 13-il sena, u oħrajn akbar, bejn l-14 u 15- il sena.

It-tlielaq fit-tul iġibu magħhom numru ta’ premijijiet għal-atleti fid-diversi kategoriji. Liema premijijiet ivarjaw bejn Vouchers, Trophies, Midalji u Ċertifikati.

Għat-tlielaq kompetittivi hemm trofej għal-ewwel sitt atleti f’kull tellieqa, kemm  għall-partecipanti rġiel u anke għan-nisa, kif ukoll għall-bniet u s-subien fit-tellieqa għaż-żgħażagħ.  Vouchers ta’ flus jingħataw ukol lill-ewwel tliet atleti rġiel u lill-ewwel tliet rebbieħa nisa tat-tellieqa ewlenija, filwaqt li l-ewwel residenti minn Pembroke u minn Swieqi li jlestu t-tellieqa tal-10km u anke l-Fun Run jirċievu trofej speċjali mil-Kunsilli Lokali rispettivi taghħom.  Intant il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke se jippreżenta Trofew lil dik l-iskola li minnha jkunu ġew l-ikbar numru ta’ atleti.   Barra minn hekk, il-Kunsill Lokali ta’ Swieqi se jippremja huwa wkoll lill-ewwel atleta maskili u  lill-ewwel atleta femminili rebbiħin minn din il-lokalità.

Kull ma’ wieħed irid jagħmel biex jieħu sehem huwa li jimla l-formoli ta’ l-applikazzjoni li jinsabu f’kull klabb ta’ l-atletika, jew mill-uffiċini tal-Kunsilli ta’ Pembroke u ta’ Swieqi, mill-Klabb ewlieni tagħna u minn bosta skejjel.  Barra li tista’ issir applikazzjoni bi ħlas onlajn, billi wieħed jidħol fuq il-websajt www.pembrokeathleta.com.

Kif wieħed jista’ jimmaġina, avveniment bħal dan li fih jipparteċċipaw aktar minn 1200 persuna. L-organizzaturi ta’ dawn l-attivitajiet dejjem nieħdu ħsieb li l-ambjent għal dawn l-attivitajiet ikun ħieles mill-periklu. Iż-żewġ Kunsilli Lokali se jipprovdu l-Gwardjani Lokali, flimkien mat-Taqsima tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija. Se jkun hemm ukoll staff mediku, staff mill-organizzazzjoni RED CROSS u l-għajnuna imprezzabbli ta’ ħafna ġenituri u nies oħrajn, bħala Marshals matul it-tlielaq.





Leave a comment