2015 Ħamrun Spartans Powerade Cup imħabbra

Thursday, August 13, 2015, 15:55

Gavin Muscat

Illum wara nofsinhar ġewwa l-Victor Tedesco Stadium ingħatat
konferenza stampa dwar il-Ħamrun Spartans Powerade Cup 2015.

Introduċa din il-konferenza stampa l-Viċi President tal-klabb is-Sur
Gejtu Debattista fejn irringrazzja l-isponsor uffiċċjali kif ukoll
lill-Bryan Degabriele u lill-sħabu talli qegħdin jerġgħu jorganizzaw
dan it-tournament f’isem il-Ħamrun Spartans.  Huwa qal ukoll li dan
it-tournament se jkun importanti kemm għall-klabb tal-Ħamrun kif ukoll
għat-timijiet l-oħra bħala preparazzjoni għall-istaġun li ġej.

Is-sur Bryan Degabriele, f’isem il-Ħamrun Spartans Supporters Club
l-organizzaturi ta’ dan it-tournament, reġa’ irringrazzja lill-General
Soft Drinks għall-isponsor tagħhom għar-raba’ darba, kif ukoll
lill-parteċipanti, li huma Gżira United, Pieta’ Hotspurs u Senglea
Athletics, għax bis-saħħa tagħhom reġa’ kien possibli li jsir dan
it-tournament.  Huwa qal li din is-sena dan it-tournament se jsir
f’forma ta’ league bejn l-erba’ timijiet u l-aktar tim li jikseb punti
jkun ir-rebbieħ ta’ dan it-tournament.  Huwa fakkar li dan se jkun
test bejn timijiet li qed jaspiraw il-promozzjoni għall-istaġun li
ġej.

F’kumment qasir li taw ir-rappreżentanti tal-klabb parteċipanti qalu
li għalkemm jafu li l-kampjonat tal-1 diviżjoni huwa tqil,
l-aspirazzjoni tagħhom hija li jsalvaw kmieni fil-kampjonat kif ukoll
jaspiraw għall-promozzjoni fil-Premier Division.  Dan it-tournament se
jservi ukoll biex jiġu provati akkwisti ġodda kemm lokali kif ukoll
barranin.

Aktar qabel il-konferenza telgħu l-poloz ta’ dan it-tournament u
l-partiti se jsiru kif ġej:

  • 17 t’Awwissu

7pm – Pieta’ Hotspurs vs Senglea Athletics
9pm – Ħamrun Spartans vs Gżira United

  • 19 t’Awwissu

7pm – Pieta’ Hotspurs vs Gżira United
9pm – Ħamrun Spartans vs Senglea Athletics

  • 22 t’Awwissu

6pm – Gżira United vs Senglea Athletics
8pm – Pieta’ Hotspurs vs Ħamrun Spartans

 





Leave a comment