20% tal-persuni b`dizabilita ser ikunu qed jaghmlu attivita fizika tlett sieghat fil-gimgha

Saturday, September 21, 2013, 10:23

20% tal-persuni b’diżabiltà se jkunu qed jagħmlu tal-anqas 3 sigħat fil-ġimgħa attività fiżika sal-aħħar ta’ din il-leġislatura. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, meta kien qed jindirizza l-Konferenza Reġjonali Special Olympics EurAsia.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li hija responsabiltà tagħna kemm bħala cittadini u anke bħala politiċi, li nassiguraw li dawn il-persuni jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti u jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet għalihom infushom mingħajr ebda restrizzjoni.

Huwa kompla jgħid li l-isport għal persuni b’diżabiltà mhuwiex xi kunċett ġdid, iżda l-potenzjal tiegħu bħala mezz ta’ kif jista’ jkollna aktar inklużjoni, qed tibda tingħata l-importanza mistħoqqa.

Issa wasal iż-żmien li naħdmu aktar biex nipprovdu opportunitajiet indaqs fl-isport. Bħala Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ u l-isport, huwa qed jaħdem biex l-ispecial olympics ikunu inklużi fil-programm Summer on the Move li huwa mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Isport.

Filwaqt li feraħ lill-atleti li għamlu suċċess f’kompetizzjonijiet internazzjonali, is-Segretarju Parlamentari Buontempo ikkonferma l-impenn tal-Gvern li jimplimenta l-wegħdiet elettorali  biex b’hekk persuni b’diżabiltà jkunu inklużi aktar fis-soċjetà.





Leave a comment