- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

180 tifla jieħdu sehem fit-tielet Open Day fis-Centenary Stadium

Posted By Sportinmalta On April 3, 2018 @ 3:47 pm In Featured,Football | No Comments

Bħala parti mill-missjoni tagħha biex tiżviluppa l-livell tal-grassroots fil-futbol tan-nisa, il-Grassroots and Women’s Department fi ħdan iċ-Ċentru Tekniku tal-Malta Football Association, b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta u d-direttorat tal-kwalità u l-istandards fl-edukazzjoni (DQSE), organizzaw Open Day fis-Centenary Stadium fil-ġimgħat li għaddew.

Total ta’ 180 studenti bniet mill-iskejjel primarji ta’ St Dorothy’s (Sliema), St Joan Antide u dik ta’ Ħal Tarxien ħadu sehem f’din l-Open Day.

Kowċis tal-MFA u klabbs flimkien ma’ wħud mill-membri tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena ħadu ħsieb l-attivitajiet matul il-ġurnata.

Claire Casha, għalliema tal-edukazzjoni fiżika fl-Iskola ta’ St Dorothy’s, faħħret il-livell ta’ organizzazzjoni matul l-Open Day.

“L-istudenti ħadu gost, il-post kien adattat u l-istaff kienu mill-aqwa. L-istudenti tagħna kienu ferm kuntenti meta kienu mħeġġa biex jingħaqdu ma’ klabbs lokali. Ħassewhom verament apprezzati.”

Chloe Ann Ellul u Amy Busuttil, tnejn mill-plejers tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena li kienu volontiera fl-avveniment, ukoll kellhom esperjenza pożittiva.

“Kienet esperjenza pożittiva, waħda li għenitni nifhem kif ngħallem u nittratta tfal zgħar, peress li fil-futur nixtieq insir kowċ,” qalet Ellul.

“Nemmen li din hija inizjattiva tajba biex tattira aktar tfajliet jilagħbu l-futbol.”

Busuttil qalet: “L-avveniment għandu jħeġġeġ aktar tfajliet biex jipparteċipaw fil-futbol.  Għenitna wkoll niksbu aktar esperjenza fil-kowċing.  Kienet esperjenza mill-isbaħ, kemm għalina kif ukoll għat-tfal li bl-enerġija u l-entużjażmu tagħhom għamluha aktar pjaċevoli.”

Din l-inizjattiva qiegħda tħalli l-frott hekk kif aktar tfajliet qed jingħaqdu ma’ klabbs lokali.

Dawn l-attivitajiet jikkumplimentaw l-isforzi kontinwi tal-MFA biex tqanqal aktar entużjażmu fil-futbol femminili speċjalment fost bniet bejn is-6 u l-11-il sena billi tħajjarhom jingħaqdu ma’ klabbs lokali biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-livell tal-grassroots.

Il-Grassroots and Women’s Department taċ-Ċentru Tekniku rringrazzja lid-DQSE, SportMalta, l-iskejjel li pparteċipaw u l-voluntiera tal-koperazzjoni u l-parteċipazzjoni entużjażta tagħhom biex jaqsmu l-viżjoni tagħhom dwar l-iżvilupp tal-futbol fil-livell tal-grassroots.

Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti jew dettalji relatati mal-futbol tan-nisa, wieħed jista’ jżur l-paġna uffiċjali ta’ Facebook, MFA Women’s Football, jew billi tibgħat email lil girlsfestivals@mfa.com.mt.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/180-tifla-jiehdu-sehem-fit-tielet-open-day-fis-centenary-stadium/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.