- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

150 student tas-sekondarja jsiru jafu aktar dwar il-professjoni tal-ġurnaliżmu sportiv

Posted By Sportinmalta On May 24, 2018 @ 3:01 pm In Featured,GhGS - 2014 | No Comments

Fuq inizjattiva tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, matul din is-sena skolastika ngħata bidu għal proġett edukattiv bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Olimpiku Malti u bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Waqt żjara li għamel waqt l-aħħar sessjoni ta’ din is-sena skolastika, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo faħħar din l-inizjattiva li tikkumplimenta s-sistema tal-edukazzjoni prattika. Il-Ministru spjega li matul din is-sena skolastika saru b’kollox ħames żjarat fi skejjel imħallta bejn skejjel tal-gvern, privati, u anke tal-Knisja, fejn ingħatat l-opportunità lill-istudenti, li kienu jvarjaw bejn studenti tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames sena, jesperjenzaw professjoni partikolari li forsi ftit li xejn tisemma bħala karriera possibbli li wieħed jista’ jimraħ fiha.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima inkoraġġixxa lill-Għaqda Ġurnalisti Sports u lill-Kumitat Olimpiku Malti sabiex ikomplu jaħdmu flimkien b’ideat oħra wara s-suċċess ta’ dan il-proġett. Hu tenna li f’dan il-proġett l-istudenti qed jingħataw togħma tal-professjoni ta’ ġurnalist tal-isport kif ukoll l-opportunità li jifhmu aħjar l-irwol ta’ min jaħdem f’dan ix-xogħol, kemm bħala xandar, ġurnalist fuq gazzetti, pubblikazzjonijiet, websites u media soċjali, li tant huma popolari ma’ din il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef irringrazzja lill-Ministeru għall-Edukazjoni u x-Xogħol tal-koperazzjoni, speċjalment lill-Education Officer tal-Edukazzjoni Fiżika Kevin Azzopardi, li mill-ewwel offra l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva. Hu rringrazzja wkoll għall-koperazzjoni tagħhom lill-kapijiet tal-iskejjel li fihom saru ż-żjarat preċedenti, li kienu l-iskejjel ta’ St Joseph Sliema, St Dorothy’s Żebbuġ, Birkirkara Middle School St Theresa College, u St Martin’s College Swatar.

Sandro Micallef qal li l-Għaqda Ġurnalisti Sports illum il-ġurnata ħadet dimensjoni oħra fis-settur tal-isport f’pajjiżna, fejn b’inizjattivi bħal dawn qed tkompli tikkonferma ruħha bħala waħda millistakeholders indispensabbli fl-iżvilupp tal-isport u l-ġurnaliżmu f’pajjiżna.

Il-proġett kellu żewġ għanijiet prinċipali, li l-istudenti fl-iskejjel tas-sekondarja jingħataw esperjenza permezz ta’ tagħlim bażiku fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv, u li fl-istess ħin isiru jafu aktar mill-viċin l-atleti Maltin billi jiltaqgħu magħhom u jistaqsuhom dwar il-karriera sportiva.

Il-proġett kien imfassal b’mod li t-teorija ma tiħux il-maġġoranza tal-ħin f’dawn is-sessjonijiet u fejn l-istudenti jkunu mgħejuna, fost l-oħrajn, ifasslu l-mistoqsijiet tagħhom qabel ma jagħmlu intervista,  ifasslu artiklu għal fuq gazzzetta jew website, jagħmlu kummentarju, u saħansitra jiġu mgħallma kif jaqraw l-aħbarijiet sportivi quddiem camera tat-televiżjoni proprja.
Il-proġett kien ikkordinat minn żewġ għalliema tal-edukazzjoni fiżika Joanna Camilleri u Charlene Attard, li huma eks atleti u li llum il-ġurnata huma ġurnalisti tal-isport. Barra minn hekk, Joanna Camilleri hija membru tal-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, filwaqt li Charlene Attard hija direttur fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/150-student-tas-sekondarja-jsiru-jafu-aktar-dwar-il-professjoni-tal-gurnalizmu-sportiv/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.