115 student kisbu diploma fl-isport mill-MCAST mill-2008 sal-lum

Thursday, July 5, 2012, 19:02

Il-ħolqien tax-xogħol kien, għadu u jibqa’ il-fulkru li fuqu ddur il-ħidma kollha tal-Gvern u għalhekk f’din il-leġiżlatura, l-Gvern kompla jinvesti fiż-żgħażagħ u fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom. Hekk sostna l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu żar l-MCAST EXPO. Waqt din l-attività l-Onor. Puli qassam wkoll ċertifikati lil 14-il student tal-MCAST li temmew kors fil-coaching li jsir mal-Għaqdiet Sportivi Nazzjonali.

Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari spjega kif fil-qasam tax-xogħol pajjiżna qed jikseb riżultati pożittivi fejn mill-2008 l’hawn inħolqu 20,000 post tax-xogħol ġdid. Hu żied kif skont statistika maħruġa mill-eurostat, Malta għandha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa u r-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fl-ewropa fost iż-żgħażagħ taħt il-25 sena.

L-Onor Puli tenna li dawn is-suċċessi ma ġewx b’kumbinazzjoni iżda b’investiment kontinwu mill-Gvern fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Hu fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu l-Prim Ministru poġġa l-ewwel ġebla għal Campus ġdid fl-MCAST u dan juri l-impenn tal-Gvern fl-edukazzjoni ta’ wliedna.

L-Onor Puli saħaq li l-Gvern qed jaħdem ukoll biex tinħoloq niċċa ekonomika madwar l-isport li mhux biss tagħmel l-attività sportiva aktar sostennibbli iżda li din l-attività tkompli toħloq ix-xogħol.

Hu semma kif il-Gvern qiegħed jinvesti f’dan is-settur għaliex jemmen li jista’ jkun kontributur għall-ekonomija tal-pajjiż u spjega kif matul din il-leġiżlatura mill-2008 l’hawn il-Gvern kważi rdoppja l-budget tiegħu għall-isport, filwaqt li esplora mudelli ġodda biex jissieħeb mal-privat biex joħloq aktar x-xogħol.

L-Onor. Puli żied li fil-qasam sportiv il-Gvern ma investiex biss fil-faċilitajiet u fl-atleti imma qed jagħti opportunita’ lill-istudenti jitħarrġu b’mod akkademiku fl-isport anke fuq livell ta’ diploma, baċellerat u anke masters permezz ta’ korsijiet mill-Università, u mill-MCAST; u permezz ta’ skema ġdida ta’ boroż ta’ studju fl-isport li tnediet din is-sena. B’hekk qed ninvestu f’ħaddiema aktar professjonali biex ninċentivaw aktar lill-industrija tinvesti f’dan il-qasam.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar kif mill-2008 sal-2011, 115 student u studenta kisbu ċertifikazzjoni mill-MCAST fuq livell ta’ diploma fl-isport. Matul il-kors tagħhom dawn l-istudenti jintbgħatu work placements f’fitness centres u mal-Kunsill Malti għall-Isport, fejn dan tal-aħħar għamel intervisti biex jimpjega lil dawn l-istudenti bħala coaches fi Skola Sport.

Dan juri biċ-ċar, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari, kemm dan il-Gvern qed jinvesti fiż-żgħażagħ tiegħu u qed jissieħeb mas-settur privat biex jinvesti biex joħloq opportunitajiet ta’ xogħol ta’ valur miżjud għoli.





Leave a comment